All official European Union website addresses are in the europa.eu domain.
See all EU institutions and bodiesQafas ta' Politika
Il-prevenzjoni tal-impatti mit-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem jeħtieġ li tiġi indirizzata f’ħafna livelli u f’diversi oqsma ta’ politika. Skont it-Trattat ta' Lisbona, ir-responsabbiltà primarja għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u kura medika hija tal-Istati Membri. Il-politika tas-saħħa tal-UE għalhekk isservi biex tikkomplementa l-politiki nazzjonali, u biex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa fil-politiki kollha tal-UE.
Fl-2013, l-Unjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (id-Deċiżjoni 1082/2013/UE). Din id-deċiżjoni ssaħħaħ it-tħejjija fl-UE u l-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għat-theddid għas-saħħa. Dan jgħin lill-Istati Membri jħejju u jipproteġu liċ-ċittadini kontra pandemiji futuri possibbli u theddid transfruntier serju kkawżat minn mard li jittieħed, avvenimenti kimiċi, bijoloġiċi jew ambjentali, inklużi dawk assoċjati mat-tibdil fil-klima. Skont l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-UE se ssegwi theddid transfruntier għas-saħħa, inkluż mit-tibdil fil-klima, f’Awtorità Ewropea ġdida għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa u ta’ Tħejjija (HERA).
Fir-rigward ta’ avvenimenti estremi tat-temp, bħal għargħar jew nirien fil-foresti, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) ġie stabbilit fl-2013 biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE (flimkien mal-Iżlanda, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija) fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Flimkien mal-UCPM fl-2019, rescEU għandha l-objettiv li ssaħħaħ kemm il-protezzjoni taċ-ċittadini mid-diżastri kif ukoll il-ġestjoni tar-riskji emerġenti. Barra minn hekk, rescEU tistabbilixxi riżerva Ewropea ġdida ta’ riżorsi bħal ajruplani, ħelikopters u tagħmir mediku. Meta l-iskala ta’ emerġenza tegħleb il-kapaċitajiet ta’ rispons ta’ pajjiż, dan jista’ jitlob assistenza permezz tal-Mekkaniżmu. Pereżempju, fl-2018 ġew mobilizzati persunal u tagħmir għat-tifi tan-nar minn seba’ pajjiżi tal-UE biex jassistu lill-Iżvezja fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti bla preċedent.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-impenn tal-KE li tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent. Barra minn hekk, il-proposta għat-8 Programm ta’Azzjoni Ambjentali tappella għat-tisħiħtar-rabtiet bejn il-politiki ambjentali (inkluża l-klima) u tas-saħħa, inkluż permezzta’ “monitoraġġ tas-saħħa tal-bniedem u l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih”.
Il-KE pproponiet viżjoni ġdida tal-UE għas-Saħħa (2021-2027) biex issaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa u tħejji għal kriżijiet tas-saħħa futuri. Il-Proposta għal Regolament EU4Health għandha l-għan, fost l-oħrajn, li “tikkontribwixxigħall-indirizzar tal-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali fuq is-saħħa tal-bniedem”. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar Unjoni Ewropea tas-Saħħa se tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni ta’ theddid transfruntier serju inklużi dawk assoċjati mal-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi.
It-titjib tal-bażi tal-għarfien
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) huwa inkarigat mill-evidenza xjentifika u l-valutazzjonijiet tar-riskju dwar il-mard komunikabbli, inklużi dawk assoċjati ma’ klima li qed tinbidel. L-ECDC żviluppa n-Netwerk Ewropew għall-Ambjent u l-Epidemjoloġija (E3), li jipprovdi għodod ta' monitoraġġ f'ħin reali tal-kundizzjonijiet meteoroloġiċi biex jiġi vvalutat ir-riskju ta' mard li jinġarr mill-ilma u mard li jinġarr minn vettur kif ukoll għodod oħra għall-valutazzjonijiet tar-riskju. Barra minn hekk, l-ECDC u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jospitaw VectorNet, pjattaforma għall-iskambju ta’ data dwar id-distribuzzjoni ġeografika ta’ vetturi tal-mard artropodiku fl-Ewropa, u pproduċew firxa wiesgħa ta’ studji ffukati fuq il-valutazzjoni tal-impatti u l-vulnerabbiltajiet Ewropej għat-tibdil fil-klima.
L-Unjoni Ewropea ffinanzjat l-iżvilupp ta’ informazzjoni u għarfien espert rilevanti fil-qasam tal-klima u s-saħħa permezz tal-programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 u l-iżvilupp tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klimata’ Copernicus (C3S). Aktar informazzjoni dwar l-aktar proġetti ta’ riċerka u għarfien rilevanti hija disponibbli fil-Katalogu tar-Riżorsi ta’ dan l-Osservatorju.
Il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka Orizzont Ewropa (2021-2027) se jammonta għal EUR 94 biljun biex jiżdied l-appoġġ Ewropew għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mas-saħħa u mal-klima. Parti integrali mill-qafas ta’ riċerka ta’ Orizzont Ewropa hija l-missjonijiet tal-UE, li huma impenji biex jissolvew l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, inkluż l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-Missjoni tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, inkluża t-trasformazzjoni tas-soċjetà se topera bħala portafoll ta’ azzjonijiet (proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ politika jew saħansitra inizjattivi leġiżlattivi) għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Is-sommarju propost tal-missjoni jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tal-bniedem mill-impatti klimatiċi (inklużi temperaturi għoljin, avvenimenti estremi tat-temp u mard infettiv), b’enfasi partikolari fuq gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, il-Missjoni dwar bliet newtrali għall-klima u intelliġenti tinkludi t-trawwim ta’ tranżizzjoni ġusta biex jittejbu s-saħħa u l-benesseri tan-nies, b’kobenefiċċji, bħal kwalità tal-arja mtejba jew stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa, filwaqt li tiġi enfasizzata r-rabta importanti tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u s-saħħa.
Appoġġ għall-investiment u l-finanzjament
It-Tielet Programm tas-Saħħa tal-UE (2014-2020), strument ta’ finanzjament biex jappoġġa l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE u jirfed u jiżviluppa l-attivitajiet tas-saħħa tal-UE, inkluda fost l-għanijiet tiegħu l-ħtieġa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu protetti minn theddid transkonfinali serju għas-saħħa, inklużi dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima.
Għadd ta’ politiki topiċi emerġenti – pereżempju dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini jew il-finanzi sostenibbli – joffru opportunitajiet għall-promozzjoni ta’ azzjoni li tindirizza l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għandha l-għan li żżid l-effiċjenza enerġetika tal-bini, filwaqt li tirrikonoxxi li n-nies f’bini ineffiċjenti fl-enerġija huma aktar esposti għal estremi ta’ temperatura li jikkawżaw ipotermja fix-xitwa u stress mis-sħana fis-sajf fost il-popolazzjonijiet vulnerabbli. Fl-aħħar nett, it-tassonomija tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli għandha l-għan li twassal ambjent tal-għajxien aktar b’saħħtu u aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima billi tidderieġi aktar investimenti f’attivitajiet ambjentalment sostenibbli, inkluż għall-adattament għat-tibdil fil-klima.
Language preference detected
Do you want to see the page translated into ?